Ħsieb tar-RABA’ JUM tan-NOVENA
Fr. Nicholas Cachia
Wieħed mill-isbaħ titli li nagħtu lil Marija fil-Litanija huwa “Bidu ta...
taż-żjara ta’ Marija lill-qariba tagħha, Eliżabetta: “Għax, ara, malli smajt f’widnejja leħen it-
tislima tiegħek, it-tarb...
tfaħħar lill-Mulej, hekk ukoll il-kant tagħkom għandu jkun il-frott ta’ din il-laqgħa tagħkom
mal-Mulej, li minnu tibda u ...
Il-ferħ tagħna irid jiġbed lill-oħrajn lejn il-Mulej. Il-ferħ irid ikun wieħed mill-elementi
ewlenin tal-evanġelizzazzjoni...
of 4

Priedka 4 novena

Published on: Mar 4, 2016
Source: www.slideshare.net


Transcripts - Priedka 4 novena

  • 1. Ħsieb tar-RABA’ JUM tan-NOVENA Fr. Nicholas Cachia Wieħed mill-isbaħ titli li nagħtu lil Marija fil-Litanija huwa “Bidu tal-Ferħ tagħna”. Bil-Latin dan it-titlu insibuh bħala “Causa nostrae letitiae”, jiġifieri lil Marija qed insejħulha bħala dik li fetħitilna l-Bieb għall-veru ferħ tagħna, il-ferħ tas-salvazzjoni. Fl-Antifona li tingħad għall- Kantiku ta’ Zakkarija fil-Lawdi tal-Festa ta’ Marija Bambina, nitolbu hekk: “Verġni Omm Alla, it-twelid tiegħek ħabbar il-ferħ lid-dinja kollha, għax minnek tnisslet ix-xemx tal- ġustizzja, Kristu Alla tagħna”. Il-qaddisin ukoll raw fit-twelid ta’ Marija Bambina dak li nieda dan iż-żmien tal-fidwa tagħna. Se nsemmi tnejn li sibthom fl-artiklu interessanti li hemm fil-programm tal-festa dwar is-sinifikat ta’ din il-ġrajja importanti fl-istorja tas-salvazzjoni tagħna. Santu Wistin jgħidilna hekk: “Id-dinja tagħna jmissha tifraħ b’ferħ kbir fit-twelid ta’ din il-Verġni. Eva ġabitilna d-dmugħ; Marija ġġibilna l-ferħ. Eva feriet in-natura umana; Marija fejqitha. Il-fidi ta’ Marija għamlet tajjeb għan-nuqqas ta’ twemmin ta’ Eva. Eva ġabet in-niket fid-dinja; Marija ġabet it-tifħir – Ruħi tfaħħar lill-Mulej”. U San Ġwann Damaxxenu jistedinna wkoll sabiex “niċċelebraw bil-ferħ kollu t-twelid tal- ferħ għad-dinja kollha. Dan il-jum huwa l-bidu tas-salvazzjoni tad-dinja. Marija hija l-bieb verġinali li minnu u permezz tiegħu, Alla se jidħol fid-dinja b’ġisem bħal tagħna. Illum spuntat fergħa mill-għerq ta’ Ġesse li minnha se joħroġ warda marbuta b’mod li ma jinħallx mad-divinità”. Il-qalb li tinfetaħ għall-preżenza ta’ Alla hija qalb ferħana. Il-qari ta’ dan il-Ħadd – li għadna kemm smajna – jindikalna triq importanti ħafna biex inkunu nistgħu nilqgħu dan il-ferħ f’qalbna: it-triq tal-umiltà. Fl-Ewwel Qari minn Bin Sirak smajna: “Akbar m’int, iktar għandek iċċekken ruħek, u ssib grazzja quddiem il-Mulej” u jkompli “il-Mulej jikxef lill-umli l-misteri tiegħu” (3,18.19b). Il-ferħ veru mhuwiex dak li joħloq il-bniedem biex jipprova jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu; dak li jimla tassew lill-qalb tal-bniedem huwa l- għarfien li Alla, li ħalqu, iħobbu u qiegħed miegħu dejjem, lest li jgħinu, u xewqan biex inkunu magħqudin miegħu. F’dan is-sens żgur li nistgħu ngħidu li Marija kienet l-iktar bniedma ferħana li kien hawn: għaliex qalbha kienet mimlija b’din l-imħabba u b’din il-preżenza ta’ Alla ... qalbha kienet mimlija b’Ġesù. U kull fejn jidħol Ġesù u jintlaqa’ ikun hemm il-ferħ. Niftakru fil-ġrajja
  • 2. taż-żjara ta’ Marija lill-qariba tagħha, Eliżabetta: “Għax, ara, malli smajt f’widnejja leħen it- tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!” (Lq 1, 44-45). Huwa dan il-ferħ li jrid jimla ’l qlub tagħna wkoll biex inkunu nistgħu nwassluh lill-oħrajn. Mhuwiex it-tlellix tad-dinja u lanqas is-sodisfazzjon tax-xewqat u tal-ġibdiet tagħna li jagħtuna l-veru ferħ. Il-ferħ li taf tagħti d-dinja ma jaqta’ l-għatx u dejjem trid iżjed u dejjem tixtieq xi ħaġa differenti. Taħseb li se tilħaq is-sema għax tixtri dik il-ħaġa li ilek tixxennaq għaliha, imma wara ftit ħarstek tmur fuq xi ħaġa oħra u twarrab ta’ qabilha. Jew temmen li jekk tagħmel dik l-esperjenza se tkun kuntent; tagħmilha, tieħu gost imma wara ftit tkun tixtieq xi ħaġa oħra. Il-pjaċir tad-dinja huwa wisq effimeru, dgħajjef, jgħaddi malajr, ma jissodisfax. U rridu noqgħodu attenti anke aħna, nies tal-Knisja: għax nistgħu nfittxu l-ferħ tagħna f’affarijiet sagri li huma sbieħ fihom infushom (bħat-tiżjin tal-Knisja, li jkollna festa sabiħa, l-ilbies tas-saċerdot) imma, lanqas dawn, ma jagħtukx il-ferħ li jibqa’. Huwa biss Ġesù li jista’ jimla ’l qalbek, kif kien jimla’ ’l qalb ta’ Marija. Illum hawn diversi saċerdoti u reliġjużi li jaħdmu hawn f’din il-parroċca tan-Naxxar jew li huma minn din il-parroċċa u qed jagħtu s-servizz tagħhom f’xi qasam ieħor tal-Knisja f’Malta. Anke aħna rridu nistaqsu lilna nfusna: jekk huwiex Ġesù li qed jimla’ ’l qalb tagħna. Ma ninsewx x’jgħid il-Malti: mill-milja tal-qalb, jitkellem il-fomm! In- nies qed jistennew li aħna nwasslulhom lil Ġesù u l-Kelma tiegħu. Dan huwa l-ġid veru li jeħtieġu u li aħna obbligati li nwasslulhom. Niftakru ftit f’dik il-kelma qawwija li kien qal il-Papa Franġisku fl-ewwel omelija tiegħu wara li sar Papa: “Jekk aħna ma nistqarrux lil Ġesù Kristu, hemm xi ħaġa ħażina. Insiru NGO karitatevoli, imma mhux il-Knisja, l-Għarusa tal- Mulej”. Niftakru fil-preżenza tal-Isqof Sylvester Magro, Franġiskan Minuri, l-istorja sabiħa ta’ San Franġisk li beda jsaqsi kontinwament lil Fra Leo: fejn jinsab il-ferħ perfett? U jwieġeb u jgħidlu li dan il-ferħ ma jinsabx għaliex il-Franġiskani qed jagħtu eżempju ta’ ħajja qaddisa, jew għax jagħmlu l-mirakli, jew għaliex jafu jippridkaw. Wara xi żewġ mili mexjin, Fra Leo beda jokroblu biex jgħidlu fejn isibu l-ferħ perfett, San Franġisk dar lejh u qallu li dan jinsab meta huma jkunu lesti li jaċċettaw u jġorru t-tbatijiet ta’ Ġesù Kristu bis-sabar, minħabba l- imħabba tagħhom għalih. Dan huwa l-ferħ perfett! Jalla aħna jkollna dejjem iżjed xewqa għal dan il-ferħ vera! Illum għandna wkoll il-korijiet tal-parroċċa li qed jieħdu sehem b’mod partikulari matul din iċ-ċelebrazzjoni. Il-kant tagħkom isebbaħ iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi u jrid jgħinna nerfgħu qlubna lejn il-Mulej. Dak li hu tassew sabiħ, imiss il-qalb u jgħolliha lejn Alla li hu s-sabiħ. L-ismijiet tal-korijiet tagħkom għandhom riferenza għall-ferħ: Gaudete in Domino: ifirħu fil- Mulej u Iubilate Deo: Għajjtu bil-ferħ lill-Mulej. Bħalma Marija, mimlija Ġesù, infexxet
  • 3. tfaħħar lill-Mulej, hekk ukoll il-kant tagħkom għandu jkun il-frott ta’ din il-laqgħa tagħkom mal-Mulej, li minnu tibda u fih tintemm kull ħidma tagħna. Iktar ma nkunu bħal tfal ċkejknin, pueri cantores, iktar inħallu li t-tifħir tagħna lill-Mulej ikun safi u sabiħ! L-Evanġelju tal-lum jgħinna nifhmu mod ieħor kif il-bniedem jista’ jagħmel l-esperjenza tal- ferħ veru u li jibqa’. Ġesù jistedinna biex nagħtu mingħajr ma nistennew xejn lura: “Għall- kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iż-żopop u l-għomja, u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l- ġusti jqumu għall-ħajja” (Lq 14,14). Huwa l-ferħ frott l-imħabba li tingħata. Hija l-imħabba li ma tpoġġix lilha nnifisha fiċ-ċentru. Hija l-imħabba li tfittex biss li taqdi, li tingħata. Hija wkoll espressjoni oħra tal-umiltà, fejn iċ-ċentru tal-attenzjoni tiegħi ma nibqax ‘jien’ imma jsir ‘l-ieħor’. C.S. Lewis jiddeskrivi l-umiltà b’dan il-mod: “Humility is not thinking less of yourself, it’s thinking of yourself less” – l-umiltà ma tfissirx tnaqqas mill-konsiderazzjoni tiegħek innifsek, imma li taħseb inqas fuqek innifsek! Marija hija eżempju mill-iżjed qawwi ta’ din l-imħabba li tingħata: hija dejjem attenta għall- bżonnijiet tal-oħrajn, dejjem lesta li tara li l-oħrajn ma jonqoshom xejn. Taraha sejra tgħin lil Eliżabetta; taraha attenta għall-ħtiġijiet tal-għarajjes fit-tieġ ta’ Kana; taraha taħt is-Salib, isostni lil Binha fil-ħin tal-ikbar prova u tingħaqad miegħu; taraha mad-dixxipli tqawwilhom qalbhom fiċ-Ċenaklu, hekk kif kienu qed jistennew il-miġja tal-Ispirtu s-Santu. Ħajjitha hija mmarkata minn għotja sħiħa. Dan ukoll għandu jimmarka l-għotja tagħna u s- servizz tagħna. Ma rridux infittxu lilna nfusna. Ma rridux nippretendu li nirċievu lura u nieħdu għalina jekk dan ma jiġix! Meta qalbi hija mimlija b’Ġesù, hu jgħallimni kif ningħata sal-aħħar, mingħajr interessi u pretensjonijiet. Madre Tereża titlob lill-Missjunarji tal-Karità jagħmlu r-raba’ vot: l-għotja b’qalbhom kollha u bil-ferħ lill-ifqar fost il-fqar. Għotja sħiħa u bil-ferħ. Dawn imorru ħafna flimkien! Jekk ingħatajt kollni kemm jien, allura qalbi hija mimlija, anke jekk ikolli nbati, anke jekk is-servizz tiegħi ma nkunx stmat, anke jekk inkun imwarrab. Mhux faċli, imma l-enerġija tal-għotja tiegħi ma nkunx qed inġibha minn barra, imma minn ġewwa, minn qalbi, mir-rabta tiegħi ma’ Ġesu Msallab. U dan ikun jidher fuq wiċċi u fl-aġir tiegħi ... għax inkun ferħan. It-tbissima tiegħi jkollha għerq fil-fond nett ta’ qalbi, fir-relazzjoni tiegħi ma’ Alla tiegħi. Kif kienet it-tbissima ta’ Marija li tnissel il-ferħ fil-qalb tal-oħrajn. Ma ninsewx il-kelma li jħobb itenni l-Papa Franġisku biex inkunu persuni ferħana. “Tkunux bnedmin mdejqin: nisrani ma jista’ qatt ikun imdejjaq! Qatt iċċedu għall-iskoraġġiment! Il-ferħ tagħna mhux ġej minn dak li nippossedu, imma għaliex iltqajna ma’ Persuna: Ġesù, f’nofsna; jitnissel għax nafu li qatt m’aħna waħidna, anke f’mumenti diffiċli” (Omelija, Ħadd il-Palm, 24 ta’ Marzu 2013).
  • 4. Il-ferħ tagħna irid jiġbed lill-oħrajn lejn il-Mulej. Il-ferħ irid ikun wieħed mill-elementi ewlenin tal-evanġelizzazzjoni. Irid ikun ukoll element qawwi għalina s-saċerdoti u r-reliġjużi biex inħajru lil żgħażagħ biex ikunu ġenrużi biżżejjed li jilqgħu s-sejħa li l-Mulej jista’ jkun qed jagħmlilhom. Kif semmejna hu l-ferħ frott tal-fatt li ftaħna qalbna għall-Mulej Ġesù, frott il-ġenerożità tagħna, frott ix-xewqa li ningħataw kollna kemm aħna biex inservu lill-oħrajn b’imħabba sħiħa u totali, kif tgħallimna Marija. Induru lejk, Marija, bidu tal-ferħ tagħna, għallimna biex miegħek inkunu nistgħu nifirħu fil- Mulej u fis-salvazzjoni li hu iġibilna permezz tal-għotja tiegħu sal-aħhar fuq is-Salib. Għallimna nsawwbu l-ħarsa tagħna dejjem fuqu u nħallu li qalbna timtela’ bih u ngħidulu miegħek: “Hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek” (S. 16, 11). Talba ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù Jien naf tajjeb, o Verġni mimlija bil-grazzja, li f’Nazaret inti għixt fil-faqar, mingħajr ma qatt tlabt xi ħaġa iżjed. La estasi, la mirakli, la xi fatti straordinarji oħra ma żejnux ’il ħajtek, oReġina tal-magħżulin. In-numru tal-umli, taċ-ċkejknin hu kbir ħafna fid-dinja: huma jistgħu jħarsu lejk mingħajr ebda biża’. Inti l-Omm li timxi magħhom tul triqathom biex turihom it-triq lejn is-sema. O Omm maħbuba, f’dan l-eżilju iebes, irrid ngħix dejjem miegħek u nimxi warajk kull jum. Nintefa’ nikkontemplak u niskopri l-qigħan tal-imħabba ta’ qalbek. Kull biża’ tiegħi jgħib taħt il-ħarsa tiegħek ta’ omm li tgħallimni nibki u nifraħ. Ammen.

Related Documents