Ħsieb tal-ĦAMES jum tan-NOVENA
Fr. Nicholas Cachia
Kemm nies iħossuhom qrib ta’ Marija taħt is-Salib ta’
Binha Ġesù! Kemm ...
Bil-mod il-mod Marija fehmet li biex id-dnub jintrebaħ kellu bżonn att kbir tal-imħabba ta’
Alla. Forsi qatt ma immaġinat ...
Huwa tassew sinifikattiv li din l-għotja sseħħ proprju fil-mument tal-ikbar dlam, fejn l-
għajnejn ma jarawx u fejn il-moħ...
of 3

Priedka 5 novena

Published on: Mar 4, 2016
Source: www.slideshare.net


Transcripts - Priedka 5 novena

  • 1. Ħsieb tal-ĦAMES jum tan-NOVENA Fr. Nicholas Cachia Kemm nies iħossuhom qrib ta’ Marija taħt is-Salib ta’ Binha Ġesù! Kemm persuni li jkunu għaddejjin mit- tiġrib tal-ħajja jirrikorru għand Marija Addolorata biex tinterċedi għalihom. Biżżejjed niftakru fil-purċissjoni tad-Duluri li nagħmlu ftit qabel il-Ġimgħa l-Kbira biex naraw x’rabta hemm bejn Marija u l-ħajja li ngħixu bit- toqol u d-diffikultajiet u l-isfidi tagħha. Illum magħna għandna persuni li għaddejjin mill-prova tal-ħajja; persuni li tilfu lil xi ħadd għażiż ħafna fil-ħajja tagħhom; persuni li qed jgħixu t-toqol tas-snin u, forsi wkoll, it-toqol tal-ħajja waħidhom. L-istedina tagħna llum hija li nħarsu lejn il-figura ta’ Marija u nħalluha tikkunslana u turina t-triq tat-tama, li nsibuha f’Binha Ġesù li permezz tas-Salib tiegħu fetħilna t-triq għall- ħajja ta’ dejjem. Ejjew nixħtu l-ħarsa tagħna fuq Marija taħt is-Salib ta’ Ġesù. Naraw lil Marija mgħannqa mas-Salib mhux biss għaliex, bħala omm, qalbha maqsuma għat-tbatija li kellu jgħaddi minnha Binha, imma wkoll għaliex trid tissieħeb miegħu fit-twettiq tar-rieda tal-Missier. San Luqa jgħidilna, fil-bidu tal-Evanġelju tiegħu, li kienet “tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2,19). Hawnhekk l-Evanġelista qed jirreferi għat-twelid ta’ Ġesù. Iktar ’il quddiem (2,51) juża’ espressjoni simili b’riferenza għal meta Ġesù ntilef u wara tlitt ijiem sabuh fit-Tempju f’Ġerusalemm, jiddiskuti mall-Għalliema tal- Liġi. M’għandniex dubju li Marija baqgħet tirrifletti fuq dan il-misteru kbir li Alla fdalha f’idejha biex, flimkien ma’ San Ġużepp, tieħu ħsiebu u tagħtih kull ma kien jeħtieġ bħala bniedem. Iktar ma Marija fehemet ir-rieda ta’ Alla għal Ġesù, iktar riedet tingħaqad miegħu fit-twettiq tagħha, iktar riedet tinkoraġġih biex iwettaqha sal-aħħar. L-okkażjoni tat-Tieġ ta’ Kana meta Marija daret fuq Ġesù sabiex jgħin lill-għarajjes li kien naqashom l-inbid nistgħu nifhmuha bħala l-karba ta’ Bint Sijon biex il-Mulej juri wiċċu u jibda l-ħidma ta’ salvazzjoni għall- poplu. Nimmaġina lil Marija titlob is-Salm 80 u titniehed quddiem il-Mulej, kif kienu jagħmlu l-erwieħ qaddisa ta’ dak iż-żmien: “Qajjem il-qawwa tiegħek, u ejja ħa ssalvana. Reġġagħna għal li konna, Alla ta’ l-eżerċti; itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi” (3-4). Marija kienet imnissla mingħajr it-tebgħa tad-dnub tan-nisel u, tul ħajjitha kollha, żammet qalbha dejjem miftuħa għall-grazzja ta’ Alla. Hi kellha qalbha kollha sabiħa, kollha safja, mingħajr ebda tebgħa. Għalhekk, bħal ma jiġri, kienet ħafna sensittiva għat-toqol tad-dnub tal-bniedem. Kienet titnikket ħafna meta tara lill-bniedem jagħlaq qalbu għall-grazzja ta’ Alla. Aħsbu ftit kemm kienet tingħafas il-qalb ta’ Marija meta tara n-nies iwarrbu lil Binha, iżebilħuh. Min jaf in-niket kbir meta bdiet tisma’ lill-istess kapijiet tal-poplu tagħha jippjanaw biex jeqirdu lil Ġesù. Hi, li kienet ħaġa waħda mal-pjan ta’ Alla, kienet tissielet mal-fatt li l-bnedmin ma kellhomx qalbhom miftuħa għal dan il-pjan: kif jista’ jkun jaraw daqstant imħabba, ħniena, maħfra u jibqgħu qalbhom magħluqa? kif jista’ jkun jaraw tant qawwa ta’ Alla fil-mirakli u xorta jibqgħu ma jemmnux?
  • 2. Bil-mod il-mod Marija fehmet li biex id-dnub jintrebaħ kellu bżonn att kbir tal-imħabba ta’ Alla. Forsi qatt ma immaġinat fejn dan l-att kien se jwassal lil Binha Ġesù imma mxiet miegħu pass pass, b’fedeltà tassew tal-għaġeb. U hemm hi fit-triq tal-passjoni, tara lil Binha, kollu mbiċċer, mgħobbi t-toqol tas-Salib, ħa jaqa’ u ma jaqax ... u hi ... qalbha maqsuma, tagħmillu l-kuraġġ, b’għajnejha tħeggu biex jibqa’ miexi ’l quddiem, biex jibqa’ jingħata sal- aħħar. U narawha tibqa’ miexja miegħu, tiela’ l-għolja ta’ Ġerusalemm li twassal għal Golgota u hemmhekk tara lil Ġesù, Bin l-Għoli, jinxteħet mal-art, il-libsa kollha mtebba’ demm li kellu mwaħħla ma’ ġismu mċarrta minn miegħu u l-ġrieħi jerġgħu jinfetħu u jibdew inixxu mill-ġdid il-ftit demm li kien fadal f’ġismu. Imbagħad tisma’ id-daqqiet tal-martell kbir fuq l-imsiemer u dawn itaqqbu l-idejn u r-riġlejn qaddisa ta’ dan il-ġisem qaddis. Xi tbatija għaddiet minnha Marija! Imma baqgħet hemm, magħquda ma’ Binha. Baqgħet hemm tħobb ... lil Binha imma wkoll lill-bnedmin kollha li permezz ta’ din it-tbatija ta’ Binha kienu qed jinfdew. Min jaf x’kien qed jiġri fil- qalb ta’ din l-Omm imbierka! Kemm tbatija f’qalb muġugħa, liema dwejjaq li jifnuha ħasset l-Omm imbierka! X’weġgħa ġarrbet u x’kefrija meta ratu fit-tbatija l-Omm lil Binha, Alla! Marija, il-kreatura l-iktar sabiħa u l-iktar safja, riedet tkun ma’ Ġesù f’din is-siegħa l-iktar mudlama tal-umanità: il-bniedem li jiċħad lil Alla; il-bniedem li jiddieħak b’Alla; il-bniedem li joqtol lil Alla. U Alla, f’Ġesù jibqa’ jingħata fis-silenzju, qisu m’għandux ħila jirbaħ dik il-kefrija u dik il-krudeltà kollha. Marija tibqa’ hemm, mgħannqa ma’ dan is-Salib, flimkien mad-dixxiplu l-maħbub, u xi nisa oħra: l- uniċi rappreżentanti tal-umanità li jibqgħu fidili, li jibqgħu miftuħa għad-don tal-imħabba ta’ Alla. Hi temmen, fuq kollox, li minn din id-dalma kbira li waqgħet fuq l-art, Alla kapaċi joħroġ dawl li jgħamex; minn dan il-mument ta’ disperazzjoni, Alla kapaċi joħroġ tama li tiżboq kull tama. Marija tibqa’ temmen li, anke f’dan il-mument ta’ abbandun – anzi speċjalment f’dan il-mument – Alla jibqa’ fidil, Alla jibqa’ preżenti: Immanuel – Alla magħna; Ġesù – Alla li jsalva lill-poplu tiegħu minn dnubiethom. Huma l-ismijiet li juruna min hu tassew Ġesù mhux biss fl-istorja imma wkoll, u fuq kollox, fil-ħajja tagħna. U f’dik id-dalma u l-abbandun, tibqa’ tispikka l-imħabba sal-aħħar ta’ dan Alla li jagħmel lilu nnifsu debboli għalina. F’ħin minnhom, lejn l-aħħar ta’ ħajtu fuq l-art, Ġesù jdur fuq ommu u jgħidilha: “Mara, hawn hu ibnek”. U jdur lejn id-dixxiplu l-maħbub u jgħidlu: “Hawn hi ommok” (Ġw 19, 26-27). Minn dak il-ħin aħna lkoll, li bħad-dixxiplu l-maħbub nippruvaw nimxu wara l-Imgħallem Imsallab tagħna, insiru wlied Marija. Din l-omm tal-qalb immakulata u safja ddaħħalna f’qabha, f’dak li hu tagħha biex tgħinna nitwaħħdu dejjem iżjed ma’ dan Binha li jgħallimna l-Ikbar Imħabba.
  • 3. Huwa tassew sinifikattiv li din l-għotja sseħħ proprju fil-mument tal-ikbar dlam, fejn l- għajnejn ma jarawx u fejn il-moħħ ma jifhimx, jekk ma nħarsux bl-għajnejn tal-fidi u nħallu l-Ispirtu jdaħħalna fil-misteri ta’ Alla. Hu tasseew sinifikattiv għaliex huwa proprju fil- mumenti ta’ dlam, fil-mumenti tal-ikbar tbatija, li tiġina l-isfida l-kbira tal-fidi. Fejn int, Mulej? Għaliex tlaqtni waħdi meta l-iktar kelli bżonnok, Mulej? Qatt ma ħarġu, forsi, minn fommna dawn il-mistoqsijiet? U f’dawn il-mumenti, Marija taħt is-Salib ta’ Binha, iddaħħalna taħt il-mant tagħha, u bl- imħabba tagħha ta’ omm li tieħu ħsiebna u tifhimna, tkellimna bil-kwiet u tgħidilna li Alla qiegħed hemm iħobbna, għalkemm aħna mhux qed narawh u mhux qed inħossuh. Hi tgħinna nittamaw fejn naħslu nibdew naqtgħu qalbna. Tgħinna nibdew naraw xaqq ta’ dawl, fejn inħossuna mdawwra minn kullimkien bid-dlam u mtaqqla bit-toqol. Jiġri hekk fit-toqol tal-ħajja, meta nitilfu lil xi ħadd tassew għażiz. Jiġri hekk f’mumenti ta’ sfida kbira għax inħossu kollox jaqa’ fuqna. Jiġri hekk meta nibdew naqtgħu qalbna anke minħabba d-dnub għax inħossuna dgħajfin wisq biex nibqgħu fidili. Jiġri hekk ukoll f’mumenti meta naraw li xi ħaġa hija impossibbli, ma nistgħux nilħquha. F’dawn il- mumenti kollha, Marija tgħidilna dak li semgħet lill-Anġlu Gabrijel jgħidilha fil- mument tat-tħabbira: “Għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1,37). Il-preżenza ta’ Marija magħna tgħinna naraw fid-dlam. Il-preżenza tagħha tikkunslana u ssostnina meta aħna dgħajfin. Il-preżenza tagħha tfakkarna fis-sejħa ta’ Binha meta aħna ninsewh u minflok nimxu warajh, nibdew mexjin wara l-ħsibjiet u x-xewqat tagħna. Għalhekk, nitolbuha b’qalbna kollha lil Marija, żommna f’qalbek l-iżjed safja, għaliex magħqudin miegħek u mgħejjuna minnek, dak kollu li Alla jitlob minna jsir kollu possibbli. Sejħa ta’ San Bernard Fil-perikli, fid-dubji, fid-diffikultajiet, aħseb f’Marija, sejjaħ lil Marija. Tħallix li isimha jitlaq minn fuq xufftejk, tħalli qatt li jitlaq minn qalbek. U biex inti b’mod iżjed żgur tkun tista’ taqla’ l-għajnuna tat-talb tagħha, tinsiex timxi fuq il-passi tagħha. Biha bħala gwida, qatt ma titlef it-triq; meta ssejjaħ lilha, qatt ma int se taqta’ qalbek; sakemm hi tkun f’moħħok, m’intix se tkun ingannat; sakemm hi żżommlok idek, ma tistax taqa’; taħt il-ħarsien tagħha, m’għandikx minn x’hiex tibża’; jekk hi timxi quddiemek, ma tgħejjiex; jekk hi tgħinek, inti tilħaq l-għan tiegħek. Hom. II super “Missus Est”, 17 (Migne 183,70b-71a).

Related Documents